
Messagg tal-President tas-Socjeta'
Is-Sehem Tagħna b’riżq is-Soċjetà u l-Festa Titulari
“Tempus Fugit”. Hekk hemm miktub fuq wiċċ il-grandfather clock li għndi d-dar. Il-Malti jgħid “Iż-Żmien itir”. U hekk hu: għaddew 110 snin minn mindu fetaħ l-ewwel każin tal-banda f’Raħal Ġdid taħt l-isem tal-Gran Maestro Fra Antonio De Paula; għaddew 26 sena minn meta nħtart President ta’ din is- Soċjetà; għaddew 10 snin minn meta l-istatwa ta’ Kristu Re ġiet irregalata lis-Soċjetà u għaddew 27 sena minn meta ħarġet l-ewwel publikazzjoni tas-Soċjetà għall-żmien il-festa titulari ta’ Kristu Rè.
Fil-fatt din l-ewwel pubblikazzjoni ħarġet fis-sena 1981 fi żmien il-mibki predeċessur tiegħi il-Kav. C.V. Dimech. Billi din is-sena taħbat il-25 sena minn meta dal l-ex-President ħalla dan il-wied ta’ dmugħ biex imur jiltaqa ma Kristu Re, li hut ant kien iħobb, ħassejt li jkun xieraq li għal dan il-messaġ tiegħi ta’ din is-sena, nissellef silta mill-ewwel messaġ tiegħu għax inħoss li kliemu għadom rilevanti sa’ llum. Huwa kien kiteb hekk:
“Għall dawk li ġa telqu minn fostna nitlob lill-Mulej li jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem fis-sliem. Lil dawk li għal xi raġuni m’għadomx fl-Għaqda, nistiedinhom u nħajjarhom jerġgħu lura magħna, filwat lil dawk li għadhom fi ħdan l-Għaqda nħeġġiġhom jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom ħalli nżommuha sħiħa fuq saqajha għal dawk li jiġu warajna. Lil dawk li jitħajru jissieħbu, ngħdilhonm: “L-Għaqda qed tistenniekom”!
Dan huwa kliem sabiħ ħiereġ minn moħħ ta’ President li kellu għal qalbu l-ġid tas-Soċjetà. Huwa kliem ta’ nkorraġiment li qed jistieden lil kull wieħed u waħda minna biex inkomplu nagħtu s-sehem tagħna ħalli jkompli jseħħ dak kollu li dwaru kont ktibt jien fl-ewwel messaġ tiegħi bħala President fil-publikazzjoni tas-sena 1983 “…hija xewqti li matul il-Presidenza tiegħi, l-Każin jagħmel progress f’kull qasam ta’ attivita’ li għandu”. Kull membru u kull partitarju tas-Soċjetà għandu sehem importanti x’jagħti, kulħadd skond l-abbilita’ tiegħu. Importanti ħafna li kull tip ta’ ħidma b’riżq is-Soċjetà tiġi apprezzata minn kulħadd."
Sehem qawwi ħafna u bir-raġun, għax hekk jitolbu l-istorja u t-tradizzjoni li s-Soċjetà tagħna tagħti fil-festa titular ital-Parroċċa. Il an. DUN Anton Gouder, ex-Kappillan u Direttur Spiritwali tas-Soċjetà kiteb hekk fil-messaġ tiegħu għall-festa ta’ l-1983:
“Il-President u l-Kumitat huma ħerqana li jżidu s-sehem tal-Banda għall-ġid tal-festa”.
Nista’ ngħid bla tlaqlieq li di il-ħerqa mhux biss għada hemm, iżda kompliet żdiedet bil-kbir bis-sehem li qed jagħtu, u jkolli ngħid ukoll, bis-sagrifiċċji li qed jagħmlu l-membri u l-partitarji li għandha s-Soċjetà tagħna.
Nixtieq nappella l-ewwelnett lil dawn il-membri u partitarji tagħna, iżda wkoll lill-Pawlisti kollha biex qabel, fi żmien u wara l-festa titulari, nżommu quddiem għajnejna il-kliem “Tiġi SaltnateK” għax dawn ifakkruna li ċ-ċentru tal-festa tagħna m’għanu jkun ħadd ħlief Sidna Ġesù Kristu, ir-Re tagħna lkoll u dan anke jekk il-każini jkollhom raġunijiet oħra validi għalxiex jiċċelebraw.
Ad unur u memorja tas-Sur Dimech, nixtieq nagħlaq dan il-messaġ b’silta oħra sabiħa mill-messaġ tiegħu fl-1981:
“Fl-aħħarnett nixtieq lil sħabi tal-Kumitat, lis-Surmast u lill-Bandisti, lill-imseħbin, lill-Uffiċċjali u Memrbi Onorarji, l-Benefatturi ta’ l-Għaqda, kif ukoll lir-residenti kollha ta’ Raħal Ġdid, dak li nixiteq għalija, ċioè li Kristu Re jsaltan tabilħaqq fil-Każin tagħna, fi djarna u fi qlubna biex hekk ikollna l-veru ferħ, il-ferħ minn ġewwa, ferħ dejjiemi”.
VIVA KRISTU RE! VIVA S-Soċjetà TAGĦNA